BishopAccountability.org
 
  Il-Każ Tal-Patri B'Avvanz Sesswali Fuq 'Teenager': Tperrcuhx!

The L'Orizzont
May 24, 2011

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=72939



Dan il-ġurnal jista' jikkonferma li l-każ fejn membru ta' Ordni Reliġjuża f'Malta għamel avvanz sesswali fuq adoloxxenti ma spiċċax għand il-Pulizija għax xi ħadd fir-Response Team tal-Kurja kkonvinċa lill-familja li ma jkunx għaqli li l-każ jgħaddi għand il-ġustizzja.

Minn tagħrif li għandu l-orizzont jirriżulta li uffiċjali tar-Response Team saħqu mal-familja li jkun fl-interess tal-vittma li l-każ ma jkunx investigat mill-Pulizija. Dan il-ġurnal jista' jikkonferma li din hija l-prassi fir-Response Team, tant li minkejja li fl-aħħar snin kienu għexieren il-każi li waslu għandhom kien persentaġġ minimu ħafna li għadda għand il-Pulizija.

l-orizzont huwa infurmat li ngħad lill-familja li jekk imorru għand il-Pulizija l-każ jitperreċ mal-pajjiż kollu u dan ma jkunx ta' ġid għall-vittma, anke jekk il-Qorti qatt ma tiżvela l-ismijiet tal-minuri.

"Ħafna drabi nisimgħu li dan iseħħ għax il-każi jkunu diġà preskritti u għaldaqstant ma jkun jista' jsir xejn. Kif mid-dehra tafu intom ukoll dan il-każ mhuwa preskritt xejn. Dan hu każ li seħħ fl-aħħar xhur tant li l-adolox­xenti involut għadu qed jieħu l-kura," qalu s-sors tagħna fil-Kurja, li fakkar kif il-każi fir-Response Team jieħdu s-snin biex ikunu deċiżi.

"Għandkom l-eżempju tal-vittmi tal-istitut San Ġużepp dwar kemm issir ġustizzja mir-response Team," qal dan is-sors. Dan l-aħħar każ ta' abbuż sesswali kien żvelat mill-gazzetta it-Torċa nhar il-Ħadd li għadda u fl-aħħar sigħat il-każ kompla jiżviluppa b'One News jiżvela li l-Patri huwa Kappuċċin mill-kunvent tal-Kalkara. S'issa s-sess tal-adoloxxenti nżamm mistur u dan biex tkun protetta l-identità tal-istess adoloxxenti. it-Torċa kkwotat sorsi tagħha jgħidu li kienu qegħdin jitkellmu dwar dan il-każ għax beżgħu li kien se jibqa' mistur biċ-ċans li qatt ma ssir ġustizzja.

Jirriżulta li l-mod kif imxiet il-Kurja Maltija f'dan il-każ mhux konformi mat-twissijiet li ta l-Papa Benedittu XVI fl-aħħar jiem. Il-Papa ħareġ twissija ċara lill-isqfijiet madwar id-dinja biex jirrapportaw il-każi ta' suspett ta' abbuż sesswali, fuq minuri, lill-Pulizija.

Fost affarijiet oħrajn l-ittra mibgħuta mill-Papa tgħid hekk: "L-abbuż sesswali fuq minuri mhuwiex biss delitt kanoniku, iżda wkoll delitt li għandu jkun ipproċessat bil-liġi ċivili." Il-linji gwida l-ġodda jgħidu lill-isqfijiet li huma għandhom ifittxu biex jipproteġu l-minuri u jgħinu lill-vittmi ta' qassisin pedofeli jsibu l-għajnuna. L-ittra tal-Papa titfa' piż qawwi fuq l-isqfijiet.

"Ir-responsabbiltà biex ikunu indirizzati l-krimini ta' abbuż sesswali fuq minuri minn membru tal-kleru għandha tkun fl-ewwel post responsabbiltà tal-Isqof tad-djoċesi," tgħid l-ittra tal-Papa.

Tul l-aħħar snin il-Knisja f'Malta għażlet li ma tirrapportax l-allegati abbużi lill-pulizija. Biex il-pulizija tibda tinvestiga dawn il-każi jridu jkunu l-vittmi stess li jirrapportaw dak li tiegħu kienu vittma! Dan ifisser li biex il-Knisja f'Malta tkun obbligata bil-liġi li tirrapporta l-każi li jaslu għandha trid issir bidla fil-liġi Maltija, u bħal f'pajjiżi oħrajn Ewropej, jidħol l-obbligu fuq iċ-ċittadini li jirrapportaw reati li jkunu saru jafu bihom.

Intant bi tweġiba għall-artiklu ppubblikat ilbieraħ f'dan il-ġurnal intitolat "Każi ta' abbużi fuq minorenni minn soru u patri – Skiet mill-Kurja", il-Kelliem tal-Kurja Fr Charles Tabone, qal f'ittra intitolata – Il-verità dwar il-każi ta' abbużi li "l-Knisja f'Malta u f'Għawdex minn dejjem pubblikament iddikjarat li hija kontra kull forma ta' abbuż fuq minorenni u li ssir ġustizzja.  Fil-fatt kienet fost l-ewwel  fid-dinja li waqqfet Response Team  biex tinvestiga l-akkużi li jsiru.

"Il-policy tal-Knisja f'Malta u f'Għawdex hi li fuq każi individwali ma tikkummentax fil-pubbliku, lanqas meta jkunu irrapportati nuqqasijiet ta' verità.  "L-awtoritajiet tal-Knisja ma għamlu l-ebda forma ta' kuntatt jew pressjoni fuq il-pulizija biex ma tmexxix fuq xi wieħed mill-allegati każi.

 "Mhux veru dak li ntqal fir-rapport li l-Papa ħareġ linji gwida biex każi bħal dawn jgħaddu għand l-awtoritajiet kompetenti (il-pulizija) biex jinvestigawhom. Il-linji gwida li qed jirreferi għalihom ir-rapport jgħidu biex il-Knisja fil-lokal timxi mal-liġijiet tal-pajjiż. Il-liġijiet ta' pajjiżna ma jesiġux li jsir ir-rapport imsemmi. Madankollu f'kull każ, ir-Response Team mill-bidu nett ifakkar lil min jagħmel l-akkuża li għandu d-dritt li jmur għand l-awtoritajiet tal-pulizija biex jagħmel ir-rapport tiegħu.

 "Mhux veru li każi ta' abbużi ntefgħu fuq l-ixkaffa sakemm jgħaddi r-referendum. Fil-fatt is-seduti tar-Response Team  għadhom isiru regolari sa din il-ġimgħa stess," temmet tgħid il-Kurja.

Minkejja t-tweġiba mibgħuta, il-Knisja naqset milli tagħmel riferenza għal x'passi ttieħdu fil-konfront tal-patri involut f'dan l-allegat każ ta' abbuż fuq minorenni.

Apparti dan waqt li huwa minnu l-Knisja mhix obbligata li tmur għand l-awtoritajiet tal-pulizija biex tirrapporta dawn il-każi hekk kif irrapportat ukoll f'it-Torċa u f'l-orizzont, xejn ma jżommha milli tmur għand il-Pulizija u tirrapporta dawn l-allegati abbużi fuq tfal.

 
 

Any original material on these pages is copyright © BishopAccountability.org 2004. Reproduce freely with attribution.